Dispożizzjoni ġenerali

Uffiċjali u Persunal Temporanju

Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jeħtieġ personal ikkwalifikat b’għarfien u b’esperjenza speċifika, b’mod speċjali fl-oqsma relatati man-negozju prinċipali tiegħu. 

Sa mill-ħolqien tiegħu, il-proċeduri tal-għażla/kompetizzjonijiet taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni kellhom żewġ objettivi:

  • li jimlew postijiet battala għal xogħlijiet inklużi fil-pjan ta’ stabbiliment mehmuż mal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni, kif adottat mill-Bord Amministrattiv tiegħu.
  • li jirrekluta persunal b’livell għoli ta’ ħila u integrità, minn fost ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Ir-reklutaġġ isir jew permezz ta’ proċedura ta’ għażla esterna jew permezz ta’ proċedura ta’ għażla/kompetizzjoni interna.

Persunal Temporanju

Id-dispożizzjonijiet implimentattivi ġenerali dwar il-proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-użu tal-persunal temporanju taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni ġew implimentati fl-2009

Iċ-Ċentru jimpjiega personal temporanju għal impjiegi għal perjodu ta’ żmien twil sabiex iwettaq dmirijiet ta’ natura permanenti li huma marbutin direttament mal-attività prinċipali jew li huma relatati mal-ġestjoni amministrattiva jew organizzazzjonali tiegħu (appoġġ amministrattiv, IT, eċċ.).

Ir-regoli implimentattivi jistabbilixxu fid-dettall l-obbligi u r-responsabbiltajiet kollha taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni u l-Kumitati għall-Għażla b’mod konformi mal-proċeduri tal-għażla organizzati, jew b’għajnuna sħiħa jew b’għajnuna limitata tal-EPSO.

Għall-proċeduri tal-għażla, ir-regoli implimentattivi jistabbilixxu fażijiet ewlenin li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

  • fejn tkun ġiet identifikata ħtieġa, id-dipartiment għandu l-ewwel jara jekk hemmx lista ta’ riservi li tikkorrespondi għall-profil imfittex, jew għandux jippubblika l-pożizzjoni internament sabiex jagħti l-opportunità lill-persunal sabiex japplika. Jekk ma hemm ebda lista ta’ riservi, u jekk ma kienx possibbli li din il-pożizzjoni timtela permezz ta’ pubblikazzjoni interna, titnieda proċedura esterna. Din il-proċedura tista’ twieġeb għal ħtieġa speċifika f’dipartiment (eż. il-ħtieġa għal traduttur) jew għal rekwiżit kondiviż minn bosta dipartimenti (eż. il-ħtieġa għal segretarji);
  • reklam tal-avviż tal-post battal, li jispeċifika l-kriterji li jikkonċernaw il-ħiliet ġenerali u speċifiċi u l-kwalifiki ewlenin meħtieġa, it-tul ta’ żmien tal-impjieg, il-grupp funzjonali u l-grad, u l-passi ewlenin tal-proċedura ta’ għażla (permezz tas-sit elettroniku taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni, is-sit elettroniku tal-EPSO, ir-Rappreżentazzjonijiet Permanenti tal-Istati Membri u, jekk ikun hemm bżonn, fi stampa internazzjonali, lokali u speċjalista jew permezz ta’ kanali oħrajn);
  • ħatra ta’ Kumitat għall-Għażla mill-Awtorità għall-Ħatra u l-Kumitat għall-Persunal;
  • eżaminazzjoni ta’ applikazzjonijiet elettroniċi fuq il-bażi tal-kriterji ta’ eliġibbiltà (għal applikazzjonijiet elettroniċi, ikun hemm bżonn ta’ aktar dokumenti ta’ appoġġ f’fażi aktar tard) u l-identifikazzjoni tal-applikanti li jaqblu bl-aħjar mod mal-kriterji tal-għażla;
  • organizzazzjoni ta’ test bil-miktub skont il-livell u l-profil tal-post battal. L-għan tat-test huwa li jivvaluta d-dispożizzjoni, il-ħiliet lingwistiċi, l-għarfien tal-UE u ta’ kompetenzi speċifiċi ta’ kull applikant. Il-kontenut tat-testijiet bil-miktub jiġi stabbilit mill-Kumitat għall-Għażla kkonċernat. Sabiex il-konformità mal-prinċipju tal-imparzjalità tkun iggarantita, fil-fażi tal-immarkar, il-karti tal-applikazzjoni huma anonimi;
  •  
    organizzazzjoni ta’ intervisti personali tal-applikanti li jintgħażlu mill-Kumitat għall-Għażla. L-intervista għandha l-għan li tivvaluta kull applikant fir-rigward tal-kwalitajiet personali tiegħu/tagħha fir-rigward tal-profil imfittex, l-abbiltajiet tiegħu/tagħha, l-għarfien ġenerali u l-għarfien speċifiku tal-kariga. L-intervisti jivvalutaw ukoll il-kapaċità tal-applikant li jiżviluppa fi ħdan ambjent multikulturali, il-motivazzjoni u l-personalità tiegħu/tagħha, u l-kapaċitajiet lingwistiċi orali tiegħu/tagħha;
  • tfassil ta’ lista ta’ riservi;
  • l-applikanti jiġu infurmati bir-riżultat tat-test bil-kitba u tal-intervisti u jekk ikunux ġew inklużi fil-lista ta’ riservi.

Uffiċjali:​

Il-proċeduri tal-għażla għal uffiċjali jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament tal-Persunal.

It-Taqsima tar-Riżorsi Umani tuża l-Vade Mecum tal-EPSO għal Bordijiet tal-Għażla u għall-Kumitati għall-Għażla, li jipprovdi sommarju tal-prinċipji u tal-prattiċi relevanti kollha u huwa mfassal sabiex jiggwida lil bordijiet tal-għażla fix-xogħol u fid-deċiżjonijiet tagħhom

Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni organizza kompetizzjonijiet interni jew għal profili ġenerali, bħal ‘segretarji’, jew għal profili speċifiċi bħal ‘Kap tad-Dipartiment tal-Amministrazzjoni’, bil-għan li jistabbilixxi listi ta’ riservi minn fejn iċ-Ċentru jkun jista’ jirrekluta.

Dawn il-proċeduri ta’ għażla huma miftuħin biss għal persunal f’attività fiċ-Ċentru tat-Traduzzjoni.

Persunal b’Kuntratt:

Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jirrikorri għal persunal b’kuntratt biex:

  • isaħħaħ il-kapaċità f’funzjonijiet ta’ appoġġ għal xogħol fuq proġetti li għandhom tul ta’ żmien limitat;
  • jissostitwixxi uffiċjali/membri ta’ persunal temporanju (AD/AST) fuq lif tal-maternità, lif tal-mard, lif tal-ġenituri jew tal-familja, u xogħol part-time.

Fl-2009, iċ-Ċentru implimenta d-dispożizzjonijiet implimentattivi ġenerali dwar il-proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-użu ta’ persunal b’kuntratt.

Għal sostituzzjoni urġenti jew għal perjodu ta’ żmien qasir, għandha tapplika l-proċedura ta’ għażla li ġejja:

  • jiġu ppubblikati avviżi tal-post battal fuq is-sit elettroniku għal mill-inqas ġimagħtejn li jispeċifikaw il-kriterji li jikkonċernaw il-kompetenzi ġenerali u speċifiċi u l-kwalifiki prinċipali meħtieġa;

 

  • jinħatar Kumitat għall-Għażla;
  • l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u jintgħażlu dawk li jaqblu l-aħjar mal-profil u mal-kwalifiki meħtieġa;
  • jiġu organizzati intervisti u l-applikanti jintgħażlu fuq il-bażi tad-deskrizzjoni tax-xogħol stabbilita fl-avviż tal-post battal. L-intervista għandha l-għan li tevalwa kull applikant fir-rigward tal-ħiliet lingwistiċi u tal-ħiliet personali u professjonali tiegħu jew tagħha. Fuq il-bażi tar-riżultat tal-intervista, il-Kumitat għall-Għażla jagħmel id-deċiżjoni tiegħu bil-miktub, u jistabbilixxi r-raġunijiet għal kull deċiżjoni li jieħu
  • l-applikanti kollha jiġu infurmati bir-riżultat tal-intervista;
  • kuntratti konklużi għal sostituzzjoni ta’ malajr ta’ membru tal-persunal b’kuntratt ma jistgħux jaqbżu sitt xhur. 

Kuntratti konklużi għal sostituzzjoni għal perjodu ta’ żmien qasir huma limitati għal tul massimu ikkawżat mil-lif waħdieni li hemm referenza għalih fl-Artikoli 42, 42a, 42b u fit-Titolu IV ‘Kundizzjonijiet tax-xogħol’ tar-Regolamenti tal-Persunal.

Applikazzjoni elettronika

Inti interessat/a li tapplika għal proċedura ta’ għażla organizzata miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni? Minħabba li ċ-Ċentru introduċa sistema ta’ applikazzjoni online fl-2009, applikazzjonijiet elettroniċi biss sejrin jiġu aċċettati

Qabel tapplika, inti ġentilment mistieden/mistiedna taqra l-FAQs (mistoqsijiet komuni) tagħna – dawn jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa u jiddeskrivu l-passi li għandhom jittieħdu fil-proċedura