Id-Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni hija r-rappreżentant legali tal-aġenzija li tirrapporta għand il-Bord tat-Tmexxija taċ-Ċentru. Id-Direttur hija inkarigata mill-ġestjoni u l-amministrazzjoni taċ-Ċentru u għandha r-responsabbiltajiet ewlenin li ġejjin:
- it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma, il-baġit u d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Bord tat-Tmexxija;
- l-eżekuzzjoni tal-kompiti assenjati liċ-Ċentru;
- l-amministrazzjoni ta’ kuljum;
- il-kwistjonijiet kollha tal-persunal.
Id-Direttur hija assistita mill-persunal taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni li huwa strutturat f'dipartimenti u f'taqsimiet, kif rifless fl-organigramma.
Id-Direttur hija responsabbli direttament għat-Taqsima tal-Kontabbiltà, l-Uffiċjal Lokali tas-Sigurtà tal-Informatika (LISO) u t-Taqsima tar-Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati u tal-Komunikazzjoni.
It-Taqsima tal-Kontabbiltà
L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà huwa nnominat mill-Bord tat-Tmexxija u huwa indipendenti fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu. L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà u t-tim tiegħu huma responsabbli għall-ġestjoni tad-dħul, l-infiq u l-kontabbiltà f’konformità mar-regoli u r-regolamenti applikabbli. L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà huwa inkarigat mill-ġestjoni ta’ flus u mill-fatturar relatat mal-attivitajiet taċ-Ċentru. Sabiex iwettaq dawn il-kompiti, l-Uffiċjal tal-Kontabbiltà jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mal-awdituri esterni.
L-Uffiċjal Lokali tas-Sigurtà tal-Informatika (LISO)
Il-LISO huwa inkarigat biex jiżgura li s-sistemi tal-IT taċ-Ċentru jkunu konformi mal-istandards tas-sigurtà rilevanti.
L-Uffiċjal responsabbli mill-Ġestjoni tar-Riskju u l-Koordinazzjoni tal-Kontroll Intern (ORMICC)
L-ORMICC huwa responsabbli mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ kontroll intern. L-ORMICC jorganizza l-awtovalutazzjoni tal-Qafas ta’ Kontroll Intern taċ-Ċentru u jipprovdi pariri dwar il-ġestjoni tar-riskju, filwaqt li jiżgura li r-riskji jiġu identifikati kontinwament u ġestiti b’mod xieraq.
It-Taqsima tar-Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati u tal-Komunikazzjoni
It-Taqsima tar-Relazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati u tal-Komunikazzjoni sservi bħala l-interfaċċa strateġika taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni mal-partijiet ikkonċernati tiegħu. Din għandha rwol ċentrali fit-tfassil tal-mod li bih iċ-Ċentru jilħaq il-pubbliku u fit-trawwim ta’ involviment kostruttiv li jinforma l-evoluzzjoni tas-servizzi tiegħu.
Il-kompiti ewlenin tat-Taqsima jinkludu:
- L-iffaċilitar tad-djalogu biex ikun hemm aġġornament tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet li jevolvu tal-partijiet ikkonċernati
- It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni, u l-iżgurar ta’ messaġġi konsistenti bejn il-pjattaformi
- Ir-rappreżentanza taċ-Ċentru f’networks ta’ komunikazzjoni madwar l-UE kollha, il-monitoraġġ ta’ xejriet ġodda, u l-kontribut għal proġetti ta’ innovazzjoni
- L-appoġġ għat-tfassil u l-promozzjoni tas-servizzi, u l-kontribut għal proġetti interni biex ikompli jiġi żviluppat dak li joffri ċ-Ċentru f’konformità mal-ħtiġijiet multilingwi li jevolvu.
Dikjarazzjoni tal-interessi tad-Direttur