Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jaħdem b’kuntratti qafas ibbażati fuq sistema ta’ klassifikazzjoni dinamika. F’ċertu każijiet li mhumiex koperti minn proċeduri miftuħa, juża wkoll proċeduri nnegozjati.

Iċ-Ċentru jagħmel kontrolli tal-kwalità fuq ix-xogħol kollu pprovdut mill-kuntratturi tiegħu. Kull biċċa xogħol tiġi vvalutata mir-reviżuri interni taċ-Ċentru bl-użu tal-iskeda ta’ valutazzjoni standard. Meta l-kwalità ta’ xogħol esternalizzat tiġi vvalutata bħala ta’ standard eċċezzjonalment għoli (+1) jew ta’ standard baxx tant li jkun inaċċettabbli (-1), dan jintbagħat lill-Kumitat ta’ Valutazzjoni taċ-Ċentru magħmul minn membri indipendenti minn dipartimenti differenti. Jekk il-Kumitat jikkonferma l-valutazzjoni inizjali, ċertu numru ta’ punti (definit fil-kuntratt qafas) jiżdied jew jitnaqqas mill-punti li inizjalment ikunu ngħataw lill-kuntrattur u hu/hi jistgħu jiġu kklassifikati ’l fuq jew ’l isfel kif xieraq. Meta l-kwalità tax-xogħol esternalizzat tiġi ġġudikata bħala ta’ kwalità aċċettabbli (0), jiġifieri x-xogħol ipprovdut huwa ta’ livell li jista’ jkun mistenni b’mod raġonevoli minn lingwista professjonali, il-klassifikazzjoni tal-kuntrattur ma tinbidilx. Dan jiżgura li l-klassifikazzjoni tal-kuntratturi tirrifletti l-kwalità vera tas-servizz offrut matul il-perjodu tal-kuntratt. Xogħlijiet esternalizzati li jsiru skont proċeduri nnegozjati jiġu kkontrollati wkoll għall-kwalità skont l-istess proċedura iżda huma esklużi minn din is-sistema ta’ klassifikazzjoni dinamika li tapplika biss għal kuntratti qafas li ċ-Ċentru jkun iffirma mal-kuntratturi tiegħu. Is-sistema ta’ klassifikazzjoni dinamika hi waħda mill-punti prinċipali tal-mudell għall-assigurazzjoni tal-kwalità taċ-Ċentru. Din tagħmel liċ-Ċentru reattiv ħafna u tgħin sabiex tkun żgurata kwalità tajba b’mod konsistenti maż-żmien.