Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jaħdem flimkien ma’ fornituri ta’ servizzi lingwistiċi esterni għal traduzzjoni, modifika, reviżjoni, editjar, terminoloġija u listi ta’ termini sabiex ikopri l-eżiġenzi ta’ servizzi lingwistiċi tal-klijenti tiegħu. Sabiex jesternalizza dawn is-servizzi, iċ-Ċentru juża kuntratti qafas jew speċifiċi skont it-tip ta’ servizz, il-kombinazzjoni tal-lingwi u l-qasam meħtieġ mill-klijent.

External language service provider

Il-kuntratti qafas huma ffirmati mal-fornituri ta’ servizzi li jkunu ntgħażlu skont kif ikunu marru fis-sejħiet għall-offerti organizzati miċ-Ċentru. Dawn il-kuntratti huma validi għal sena u jistgħu jiġġeddu bi ftehim taċitu għal perjodi addizzjonali ta’ sena, madankollu mingħajr ma jaqbżu perjodu totali ta’ 4 snin. Il-kuntratturi jiġu kkuntattjati meta jsiru ordnijiet għal xogħol mill-klijent. Jekk l-ewwel kuntrattur fuq il-lista ma jistax iwettaq l-ordni jew ma jweġibx, iċ-Ċentru jista’ joffri x-xogħol lit-tieni kuntrattur, u jibqa' sejjer hekk sal-aħħar tal-lista. Iċ-Ċentru jiffirma wkoll kuntratti speċifiċi bejn fornitur estren tas-servizzi lingwistiċi u qasam lingwistiku speċifiku li mhuwiex kopert minn kuntratt qafas jew jekk l-ebda kuntrattur fuq lista qafas ma jista’ jagħmel ix-xogħol.

Il-mudell modern, proattiv ta’ esternalizzazzjoni attwali taċ-Ċentru huwa bbażat fuq tliet elementi prinċipali: forniment ta’ servizzi lingwistiċi esterni esperti, sistema ta’ valutazzjoni dinamika (klassifikazzjoni mill-ġdid) (introdotta għall-ewwel darba fl-UE miċ-Ċentru) li tiżgura li jintużaw l-aqwa fornituri ta’ servizzi lingwistiċi; u l-għoti ta’ riżorsi lingwistiċi lill-fornituri tas-servizzi esterni sabiex jgħinuhom f’xogħolhom.

Ix-xogħlijiet kollha prodotti esternament u kkonsenjati liċ-Ċentru permezz ta’ fornituri ta’ servizzi lingwistiċi esterni għandhom ikunu ta’ kwalità għolja biżżejjed biex ikunu jistgħu jintużaw, kif inhuma, mingħajr ebda reviżjoni addizzjonali miċ-Ċentru. Madankollu, bħala parti importanti mill-valutazzjoni tal-assigurazzjoni tal-kwalità taċ-Ċentru ta’ dawn il-fornituri ta’ servizzi, ix-xogħlijiet kollha tagħhom jiġu riveduti b'mod sistematiku minn lingwisti in-house permezz ta’ skeda ta’ valutazzjoni sabiex jiġi żgurat li huma adatti għall-iskop. L-iskeda fiha mhux biss valutazzjoni globali tal-kwalità tat-traduzzjoni u l-editjar iżda wkoll, fejn meħtieġ, informazzjoni dettaljata dwar it-tip ta’ żbalji li jkunu nstabu. Iċ-Ċentru jiffoka fuq il-kompletezza u l-preċiżjoni, il-kwotazzjoni korretta ta’ dokumenti ta’ referenza u materjal ippubblikat, konformità mal-istruzzjonijiet, u konsistenza terminoloġika u stilistika.

Iċ-Ċentru jesternalizza servizzi lingwistiċi primarjament fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE iżda wkoll f’lingwi oħra li mhumiex tal-UE bħall-Iżlandiż, in-Norveġiż, l-Għarbi, ir-Russu, is-Serb, iċ-Ċiniż, il-Ġappuniż, l-Ebrajk, il-Farsi, eċċ.