Administration Department
  • Grupp Finanzjarju
  • It-Taqsima tal-Ippjanar Strateġiku
  • It-Taqsima tal-Affarijiet Legali
  • Sezzjoni tal-Faċilitajiet u s-Sigurtà
  • It-Taqsima tar-Riżorsi Umani

Id-Dipartiment tal-Amministrazzjoni jipprovdi sostenn amministrattiv u tekniku fl-oqsma tar-riżorsi umani (HR), l-ippjanar baġitarju u strateġiku, l-affarijiet legali, is-sejħiet għall-offerti, il-kontabbiltà, il-faċiltajiet u s-sigurtà.

Uffiċjal tal-Kontabilità

L-Uffiċjal tal-Kontabiltà huwa nnominat mill-Bord tat-Tmexxija u huwa indipendenti fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha. L-Uffiċjal tal-Kontabiltà u t-tim tiegħu huma responsabbli għall-ġestjoni tad-dħul, in-nefqa u l-kontabbiltà skont ir-regoli u r-regolamenti applikabbli. L-Uffiċjal tal-Kontabiltà huwa inkarigat mill-immaniġġjar ta’ flus u mill-fatturar relatat mal-attivitajiet taċ-Ċentru. Sabiex iwettaq dawn il-kompiti, l-Uffiċjal tal-Kontabiltà jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mal-awdituri esterni.

Sezzjoni tal-Ippjanar Baġitarju u Strateġiku

Is-Sezzjoni tal-Ippjanar Baġitarju u Strateġiku tiżgura li l-ġestjoni finanzjarja taċ-Ċentru tiffunzjona kif suppost u li hi konformi mar-regoli u r-regolamenti applikabbli. Din is-sezzjoni tikkoordina l-istabbiliment u s-segwitu tal-baġit taċ-Ċentru u żżomm kuntatt mill-qrib mal-klijenti taċ-Ċentru sabiex tinkludi t-tbassir baġitarju tagħhom fil-baġit tad-dħul taċ-Ċentru.

Kompitu importanti ieħor huwa l-verifika ex ante u ex post tat-transazzjonijiet finanzjarji.

Is-sezzjoni tikkoordina l-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija multiannwali taċ-Ċentru u l-programmi ta’ ħidma multiannwali. Din is-sezzoni tgħin ukoll fil-preparazzjoni tar-rapport annwali tal-attivitajiet. Barra minn hekk, tikkoordina u tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ ġestjoni tar-riskju u l-kontroll intern.

Sezzjoni tal-Affarijiet Legali

Is-Sezzjoni tal-Affarijiet Legali tiġġestixxi l-kwistjonijiet legali kollha li ċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jista’ jiltaqa’ magħhom matul l-operat tiegħu. Din tirrappreżenta liċ-Ċentru fi kwalunkwe każ ta’ tilwim.

Is-sezzjoni hi responsabbli wkoll għall-abbozzar u għall-immaniġġjar ta’ arranġamenti bejn iċ-Ċentru u l-klijenti tiegħu. Għandha x’taqsam ukoll mal-kwistjonijiet kuntrattwali kollha mal-fornituri u l-fornituri ta’ servizzi taċ-Ċentru u taġixxi bħala konsulent legali għall-maniġment taċ-Ċentru.

Sabiex ilaħħaq mat-traduzzjonijiet f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, iċ-Ċentru jikkumpila, u kontinwament jaġġorna, listi ta’ fornituri ta’ servizzi lingwistiċi esterni li huma speċjalizzati fl-oqsma tal-attivitajiet tal-klijenti taċ-Ċentru. Dan isir permezz ta’ proċeduri għas-sejħa pubblika għall-offerti organizzata mis-sezzjoni.

Grupp tal-Faċilitajiet u s-Sigurtà

Il-Grupp tal-Faċilitajiet u s-Sigurtà jiżgura li l-persunal, id-data, il-binjiet u t-tagħmir taċ-Ċentru huma protetti bix-xieraq kontra kwalunkwe theddid għas-sigurtà tagħhom u li r-regoli tas-saħħa u s-sigurtà huma implimentati. Il-grupp jimmaniġġja proprjetà mobbli u immobbli u huwa responsabbli għall-koordinazzjoni tal-kontinwità tan-negozju f’każ ta’ tfixkil kbir fl-operat taċ-Ċentru. Barra minn hekk, il-grupp jippromwovi miżuri li jirrispettaw l-ambjent fiċ-Ċentru u jqajjem l-għarfien tal-persunal dwar l-immaniġġjar tal-iskart.

Sezzjoni tar-Riżorsi Umani

Is-Sezzjoni tar-Riżorsi Umani tiżviluppa, tikkoordina u timplimenta l-politiki tar-Riżorsi Umani u tipprovdi pariri u linji gwida lill-maniġment u l-persunal taċ-Ċentru dwar kwistjonijet tal-HR. B’mod partikolari, l-irwol tagħha huwa relatat mal-għażla, ir-reklutaġġ u l-iżvilupp tal-karriera tal-persunal u t-trainees (taħriġ, ġestjoni tal-ħiliet, evalwazzjoni u promozzjoni). Is-sezzjoni hija inkarigata wkoll mill-kwistjonijiet baġitarji u finanzjari relatati man-nefqa tal-persunal.