Benoît Vitale
Benoît Vitale, Aġent Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni minn Jannar 2019

Id-Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni huwa r-rappreżentant legali tal-aġenzija li jirrapporta għand il-Bord tal-Amministrazzjoni taċ-Ċentru. Id-Direttur huwa responsabbli mill-ġestjoni u mill-amministrazzjoni taċ-Ċentru u għandu r-responsabbiltajiet ewlenin li ġejjin:

  • il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma, il-baġit u d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Bord tal-Amministrazzjoni;
  • l-eżekuzzjoni tal-kompiti assenjati liċ-Ċentru;
  • l-amministrazzjoni ta’ kuljum;
  • il-kwistjonijiet kollha tal-persunal.

Id-Direttur huwa assistit mill-persunal taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni li huwa strutturat f'dipartimenti u f'sezzjonijiet, kif rifless fi struttura organizzattiva.

Id-Direttur huwa responsabbli direttament mis-Sezzjoni tal-Kontabbiltà, mill-Uffiċċju tal-Ġestjoni tal-Proġetti (PMO), mill-Uffiċjal Lokali tas-Sigurtà tal-Informatika (LISO) u mis-Sezzjoni tar-Relazzjonijiet Esterni u l-Komunikazzjoni.

Is-Sezzjoni tal-Kontabbiltà

L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà huwa nnominat mill-Bord tal-Amministrazzjoni u huwa indipendenti fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu. L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà u t-tim tiegħu huma responsabbli mill-ġestjoni tad-dħul, l-infiq u l-kontabbiltà f’konformità mar-regoli u r-regolamenti applikabbli. L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà huwa inkarigat mill-immaniġġjar ta’ flus u mill-fatturar relatat mal-attivitajiet taċ-Ċentru. Sabiex iwettaq dawn il-kompiti, l-Uffiċjal tal-Kontabbiltà jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mal-awdituri esterni.

L-Uffiċċju tal-Ġestjoni tal-Proġetti (PMO)

Il-PMO jikkoordina proġetti strateġiċi fi ħdan id-dipartimenti u s-sezzjonijiet differenti taċ-Ċentru, b’hekk jiżgura li soluzzjonijiet tan-negozju effettivi jkunu implimentati b’suċċess u b’mod sostenibbli. Dan iwassal għal servizzi mtejba kemm għall-klijenti kif ukoll għall-persunal intern.

L-Uffiċjal Lokali tas-Sigurtà tal-Informatika (LISO)

Il-LISO huwa inkarigat biex jiżgura li s-sistemi tal-IT taċ-Ċentru jkunu konformi mal-istandards tas-sigurtà relevanti.

Is-Sezzjoni tar-Relazzjonijiet Esterni u l-Komunikazzjoni

Is-Sezzjoni tar-Relazzjonijiet Esterni u l-Komunikazzjoni tikkoordina mal-klijenti taċ-Ċentru sabiex tidentifika l-ħtiġijiet tagħhom u tkejjel l-livelli ta’ sodisfazzjon tagħhom. Dan isir permezz ta’ żjarat regolari tal-klijenti, stħarriġiet perjodiċi u l-feedback tal-klijenti.

F’kooperazzjoni mal-klijenti, is-Sezzjoni tagħmel arranġamenti għal sessjonijiet ta’ taħriġ, sessjonijiet ta’ ħidma u preżentazzjonijiet għat-tradutturi taċ-Ċentru sabiex tkabbar l-għarfien tagħhom tal-oqsma tal-attivitajiet u l-proċeduri ferm speċjalizzati tal-klijenti. B’mod simili, is-Sezzjoni torganizza preżentazzjonijiet sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jifhmu aktar ir-rwol u s-servizzi taċ-Ċentru.

Is-Sezzjoni hi inkarigata wkoll mill-komunikazzjonijiet interni u esterni. Din ixxerred informazzjoni u aħbarijiet permezz tal-intranet, is-sit web, il-kanali tal-midja soċjali u l-Portal tal-Klijenti taċ-Ċentru. Is-Sezzjoni tħejji u tikkoordina pubblikazzjonijiet fil-mira, bħar-rapport l-Avvenimenti l-Aktar Importanti tas-Sena, u għadd ta’ fuljetti u bullettini. Din torganizza wkoll diversi avvenimenti sabiex tippromwovi l-multilingwiżmu.

Is-CV tad-Direttur

Dikjarazzjoni tal-interessi tad-Direttur