Skopri l-varjetà tas-servizzi tagħna

Il-klijenti taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni huma mifruxa madwar l-Ewropa u speċjalizzati f’oqsma bħall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kultura, it-trasport, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-affarijiet soċjali, l-ambjent, l-enerġija, il-kimika, id-drittijiet tal-propjetà, il-liġi, il-baġit u l-finanzi, il-politika estera u tas-sigurtà, il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, is-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur. Jipprovdi servizzi lingwistiċi fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE u f’lingwi li mhumiex tal-UE meta mitlub jagħmel dan. Speċifikament, iċ-Ċentru joffri s-servizzi li ġejjin.

Traduzzjoni

It-traduzzjoni hija l-għoti ta’ tifsira tal-lingwa sors fil-lingwa fil-mira, sabiex jiġi prodott test li jkun skont ir-regoli tal-grammatika tal-lingwa fil-mira, kif ukoll skont l-istruzzjonijiet riċevuti fl-assenjar tal-proġett tat-traduzzjoni. Il-“lingwa sors” hija l-lingwa li biha huwa miktub it-test oriġinali (imsejjaħ ukoll it-“test sors”), u l-“lingwa fil-mira” hija l-lingwa li fiha t-test sors jiġi tradott.

Editjar tat-testi sors

L-editjar huwa definit bħala l-kontroll tal-lingwa tat-test, sabiex jiġi żgurat li dan isegwi r-regoli tal-grammatika, tal-punteġġjatura u tal-ortografija tal-lingwa sors. L-iżbalji tal-grammatika, tal-punteġġjatura u tal-ortografija huma kkoreġuti mill-editur. Fejn l-editur iħoss li l-kwalità tal-lingwa tat-test tista’ titjieb f’termini ta’ ċarezza u komprensibbiltà, huwa jżid kumment fit-test inkwistjoni, billi jagħmel suġġeriment għal titjib. L-editur mhuwiex mistenni jidentifika jew jikkoreġi kwalunkwe żball jew problema relatat/a mal-kontenut tat-test. Jekk l-editur isib problemi possibbli relatati mal-kontenut, huwa għandu jenfasizzahom fit-test. Huwa d-dmir tal-klijent li jevalwa l-pertinenza tal-kummenti kollha u li jieħu azzjoni xierqa. L-editur mhux se jikkoreġi xi kwistjoni relatata mal-ifformattjar jew mat-tqassim tat-test.

Konsultazzjoni tal-lingwa

Il-konsultazzjoni tal-lingwa tikkonsisti fl-analiżi tal-ħtiġijiet tal-lingwa tal-klijent, sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet li jottimizzaw il-proċess tat-traduzzjoni. Dan jista’ jinkludi appoġġ fl-abbozzar tad-dokumenti, l-analiżi tal-gruppi speċifiċi tad-dokumenti mal-objettiv li jinstabu siltiet ta’ testi ripetittivi jew simili li jistgħu jiġu armonizzati f’mudelli tad-dokument li jippermettu tnaqqis fl-ispejjeż tat-traduzzjoni jew l-analiżi tal-flussi tax-xogħol tad-dokument. L-ammont ta’ xogħol għal dan it-tip ta’ servizz jiddependi ħafna mill-kumplessità tad-dokument partikolari.


Terminoloġija

Ix-xogħol tat-terminoloġija jikkonsisti fil-ħolqien ta’ glossarji sħaħ b’termini sors u dawk fil-mira, definizzjonijiet, referenzi tas-sors u tal-kuntest, kummenti, eċċ.

Sottotitoli

Ir-rappreżentazzjoni testwali tal-lingwa mitkellma f’vidjo b’mod li tippermetti test bil-miktub fuq l-iskrin. Is-servizz jista’ jinkludi “spotting”, jiġifieri s-sinkronizzazzjoni tas-sottotitoli u l-vidjo. Is-sottotitoli jistgħu jiġu pprovduti biss fil-lingwa sors tal-vidjo, jew b’lingwa waħda jew b’bosta lingwi oħrajn, flimkien mal-kodiċijiet tal-ħin li jindikaw f’liema ħin eżatt għandu jintwera sottotitolu u kemm għandu jdum jidher fuq l-iskrin.

Listi ta’ termini

Dan is-servizz jinkludi t-traduzzjoni ta’ listi ta’ termini sempliċi (kliem jew espressjonijiet, normalment nomi jew frażijiet nom), mingħajr l-ebda indikazzjoni ta’ definizzjoni, sors, kuntest, kummenti, eċċ.


Kontrolli tal-Kwalità Ex-Post

Il-kontrolli tal-kwalità ex-post (EPQC) jikkonsistu fir-rieżaminazzjoni u l-evalwazzjoni perjodika ta’ kampjun definit tat-traduzzjonijiet tal-EUTM ipprovduti miċ-Ċentru lill-EUIPO (Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea) fir-rigward ta’ sett ta’ kriterji miftiehma.

Reviżjoni ta’ listi ta’ termini

L-eżaminazzjoni ta’ lista ta’ termini bilingwi xierqa għall-iskop miftiehem permezz ta’ paragun bejn it-termini tas-sors u dawk fil-mira u billi jsiru korrezzjonijiet fejn ikun meħtieġ. Jekk matul il-proċess tar-reviżjoni, it-traduttur intern jikkonkludi li l-lista ta’ termini li se tiġi riveduta teħtieġ abbozzar mill-ġdid sostanzjali, iċ-Ċentru jista’ jirrifjuta t-talba tar-reviżjoni u jirrakkomanda li l-klijent jippreżenta talba għat-traduzzjoni ta’ lista ta’ termini.

Reviżjoni tat-traduzzjonijiet

Ir-reviżjoni hija l-eżaminazzjoni ta’ traduzzjoni bħala waħda xierqa għall-iskop miftiehem permezz ta’ paragun bejn it-test sors u t-test fil-mira u billi jsiru korrezzjonijiet, fejn ikun meħtieġ. Iċ-Ċentru joffri reviżjoni ta’ dokumenti tradotti. Jekk, madankollu, matul ir-reviżjoni, it-traduttur intern jikkunsidra li t-test li jkun se jiġi rivedut għandu bżonn riformulazzjoni sostanzjali, iċ-Ċentru jista’ jirrifjuta r-reviżjoni u jirrakkomanda li l-klijent jippreżenta talba għal traduzzjoni minflok.


Modifika tat-traduzzjonijiet

Il-modifika tirreferi għall-inseriment ta’ tibdil f’test li kien ġie tradott preċedentement. Meta tintalab modifika, il-klijent għandu jipprovdi dokument li juri l-bidliet kollha magħmula fit-test preċedenti, inkluż l-inserzjonijiet u t-tħassir, kif ukoll il-verżjoni(jiet) tal-lingwa preċedenti tad-dokument(i) li għandha tiġi modifikata/għandhom jiġu modifikati. It-tradutturi taċ-Ċentru jimmodifikaw it-traduzzjonijiet skont il-modifiki magħmula fl-oriġinal.

Traduzzjoni ta’ EUTM, fajls MP u RCD

It-traduzzjoni tat-trademarks tal-Unjoni Ewropea (EUTM), tal-fajls tal-Protokoll ta’ Madrid (MP) u tad-disinni Komunitarji reġistrati (RCD) tirreferi għat-traduzzjoni ta’ testi tekniċi standardizzati fil-qasam tal-proprjetà industrijali/intellettwali li jikkonsistu f’lista ta’ prodotti u servizzi bbażati b’mod inqas strett fuq il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u s-Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trademarks (il-Klassifikazzjoni ta’ Nizza) tad-WIPO (Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali) jew fuq il-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi Klassifika Internazzjonali għad-Disinni Industrijali (Il-Klassifikazzjoni ta’ Locarno) tad-WIPO.