Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jemmen bis-sħiħ li l-kwalità ta’ sostenn teħtieġ l-ippjanar u l-organizzazzjoni fil-livell maniġerjali u għaldaqstant adotta sett ta’ miżuri biex jiġu implimentati, qabel, matul u wara t-traduzzjoni.

Dawn il-miżuri huma diviżi fi tlieta: i) il-prerekwiżiti tal-kwalità li joħolqu kondizzjonijiet ideali għal produzzjoni ta’ traduzzjonijiet ta’ kwalità għolja, ii) il-kontroll tal-kwalità li jsir matul il-proċess tat-traduzzjoni nnifsu, u iii) il-kejl tal-kwalità li jippermetti liċ-Ċentru biex biż-żmien itejjeb il-kwalità tal-produzzjoni tiegħu.

IL-PREREKWIŻITI TAL-KWALITÀ

L-aspett ewlieni f’dan il-qasam huwa l-għażla rigoruża u r-reklutaġġ ta’ tradutturi interni. Iċ-Ċentru jagħżel u jirrekluta l-persunal tiegħu abbażi ta’ żewġ Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implimentazzjoni dwar ir-reklutaġġ ta’ aġenti temporanji u persunal b’kuntratt.

Flimkien ma’ dan, iċ-Ċentru jiddefinixxi bir-reqqa l-kriterji għal proċeduri tal-akkwist pubbliku għall-għażla ta’ fornituri ta’ servizz estern biex il-kuntratti qafas tat-traduzzjoni jingħataw lill-aqwa kuntratturi esterni.

IL-KONTROLL TAL-KWALITÀ

Il-lingwisti taċ-Ċentru jikkontrollaw u jirrevedu sistematikament ix-xogħol li jsir minn kuntratturi esterni. Minbarra li jiżguraw li jsir titjib fit-testi qabel jaslu għand il-klijenti, dan iħeġġeġ ukoll żieda kontinwa fil-kwalità tax-xogħol tal-kuntratturi esterni matul il-perjodu ta’ kuntratti qafas. Il-proċess ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jiggarantixxi li l-kuntratturi esterni jkunu klassifikati ’l fuq, jew ’l isfel, skont il-kwalità tax-xogħol tagħhom, biex dawk bl-aqwa klassifikazzjonijiet eventwalment jagħmlu progress lejn il-quċċata tal-lista tal-kuntratturi esterni. Għal kull xogħol estern li jingħata, jimtela dokument ta’ valutazzjoni, li mhux biss ikun fih valutazzjoni ġenerali tal-kwalità tat-traduzzjoni iżda wkoll, informazzjoni dettaljata dwar it-tipi ta’ żbalji misjuba. Ir-reviżuri interni jipprovdu wkoll ir-rispons tagħhom lit-tradutturi esterni jekk ikun meħtieġ u, fejn xieraq, ix-xogħol ikkoreġut imbagħad jintbagħat lill-fornituri tas-servizz estern għal referenza fil-futur.

It-traduzzjonijiet interni kollha huma kontroverifikati minn kollega fl-istess tim tal-lingwa b’konformità mal-prinċipju ta’ erba’ għajnejn aħjar minn tnejn u l-kriterji definiti fil-Manwal ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità fit-Traduzzjoni.

Minbarra dawn il-kontrolli tal-kwalità qabel ma jintbagħat ix-xogħol għand il-klijent, fl-2010 ċ-Ċentru introduċa kontrolli tal-kwalità ex-post, li jsiru fuq bażi ta’ kampjun aleatorju, fejn traduzzjonijiet esterni jiġu evalwati minn esperti esterni.

IL-KEJL TAL-KWALITÀ

Iċ-Ċentru juża numru ta’ għodda biex jiżgura u jkejjel il-kwalità u s-sodisfazzjon tal-klijent, b’dik ewlenija tkun il-Formola ta’ Sodisfazzjon tal-Klijent (CSF). Dan jippermetti lill-klijenti li jużaw il-Portal għall-Klijent taċ-Ċentru jagħtu rispons pożittiv jew negattiv dwar kwalunkwe dokument ipprovdut, u b’hekk fl-istess ħin jippermetti liċ-Ċentru jieħu nota tal-preferenzi tal-klijenti u jindirizza kwalunkwe kwistjonijiet rikorrenti. Minbarra t-tweġibiet għar-rispons tal-klijent li jiġi riċevut fuq bażi ta’ każ b’każ, il-kummenti tal-klijent jiġu riveduti fil-livell operazzjonali biex jiġi vvalutat jekk jistgħux jittieħdu aktar miżuri ta’ kwalità fuq firxa wiesgħa biex ikunu ssodisfati r-rekwiżiti tal-klijent.

Iċ-Ċentru jagħmel ukoll stħarriġ perjodiku tal-klijent biex ikejjel is-sodisfazzjon tal-utent fuq perjodu twil u jidentifika oqsma għal titjib f’termini ta’ kwalità lingwistika u l-kwalità tas-servizzi kollha. Stħarriġ bħal dan huwa utli biex jidentifika l-perċezzjonijiet tal-klijent dwar il-punti b’saħħithom u dawk dgħajfa taċ-Ċentru u għat-teħid ta’ kont dwar kemm iċ-Ċentru għandu prestazzjoni tajba b’mod ġenerali fir-rigward ta’ konformità ma’ dati ta’ skadenza, kwalità, rispons għal kwistjonijiet u l-fehim tiegħu għall-ħtiġijiet u l-ambjenti tan-negozju speċifiċi għall-klijent.