X’inhi d-definizzjoni ta’ apprendistat?
Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni joffri apprendistati, b’mod speċjali lil student universitarji mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u lil ċittadini minn pajjiżi kandidati li jixtiequ jiksbu għarfien dwar l-oqsma ta’ attività taċ-Ċentru u jakkwistaw esperjenza personali f’ambjent multikulturali u multilingwu bl-opportunità li jagħmlu kuntatti.
Kemm idum apprendistat?
Il-perjodu minimu ta’ apprendistat ma jistax ikun anqas minn tliet xhur u l-perijodu massimu ma jistax jaqbeż is-sitt xhur.
X’inhuma l-kriterji ta’ eliġibilità?
L-apprendistati huma miftuħa għall-applikanti li fiż-żmien tal-applikazzjoni għal apprendistat jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
- ikunu spiċċaw tal-inqas erba’ semestri ta’ studju universitarju jew edukazzjoni ekwivalenti f’qasam ta’ interess taċ-Ċentru;
- ikollhom livell ta’ ħiliet: ftit esperjenza inizjali f’qasam ta’ attività taċ-Ċentru;
- ikollhom ħiliet lingwistiċi: għarfien sħiħ ta’ lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u maestrija sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-UE, b’mod li jkunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom. Għarfien tajjeb ta’ waħda mil-lingwi ta’ ħidma taċ-Ċentru (Franċiż jew Ingliż) tkun ta’ vantaġġ. L-applikanti minn pajjiżi kandidati għandu jkollhom għarfien sħiħ ta’ mill-anqas lingwa waħda ta’ pajjiż applikant u għarfien tajjeb tal-Ingliż jew tal-Franċiż.
Kif tipparteċipa fi proċedura tal-għażla?
Qabel kull sena kalendarja, iċ-Ċentru jiddeċiedi dwar numru ta’ apprendistati li għandhom jiġu offruti, skont il-livell ta’ approprjazzjonijiet tal-baġit disponibbli u l-kapaċità ta’ kull dipartiment li jakkomoda apprendist.
Iċ-Ċentru mbagħad jippubblika sejħa għal applikazzjonijiet għal apprendistat fuq is-sit web tiegħu, fejn jiddeskrivi l-istadji differenti tal-proċedura tal-għażla (kriterji ta’ eliġibilità u selezzjoni, formola ta’ applikazzjoni, eċċ.)
X’għotja ser jirċievu l-apprendisti?
L-apprendisti jirċievu għotja mensili li tammonta għal 25% tas-salarju mensili u bażiku ta’ membru temporanju tal-persunal fi grad AD5, skala 1, applikabbli mid-data tal-bidu tal-apprendistat.
Għal informazzjoni ulterjuri, id-deċiżjoni amministrattiva taċ-Ċentru dwar apprendistati tista’ tiġi kkonsultata jew imniżżla minn: Administrative Decision/DA_012010