Kif jindirizza t-talbiet tal-klijent iċ-Ċentru?
It-twassil ta’ traduzzjonijiet ta’ kwalità għolja fil-kombinazzjonijiet lingwistiċi mitluba kollha sad-dati ta’ skadenza li jkun sar qbil dwarhom: din hija l-isfida li aħna nilqgħu ta’ kuljum fiċ-Ċentru tat-Traduzzjoni. Matul is-snin, ottimizzajna l-fluss tax-xogħol tat-traduzzjoni tagħna sabiex niżguraw li t-talbiet jiġu indirizzati bl-inqas problemi possibbli. Hawnhekk issib l-passi differenti fil-fluss tax-xogħol tagħna, mill-indirizzar tat-talbiet li jidħlu sat-twassil u l-feedback tal-klijent:
1. It-talbiet li jidħlu
It-Taqsima tal-Ġestjoni tal-Fluss tax-Xogħol (WMS) timmonitorja t-talbiet li jidħlu permezz tal-Portal tal-Klijenti eCdT. Din tikkontrolla l-fajls biex tara li jkunu konformi mad-dokument sors – lingwa, għadd ta’ paġni u format – u tivverifika s-servizz mitlub, kif ukoll id-data ta’ skadenza u l-lingwa/i fil-mira meħtieġa.
2. Ipproċessar preliminari
Id-WMS tiżgura li m’hemmx problemi fit-tqassim tal-fajls tas-sors oriġinali, jiġbor il-materjal ta’ referenza rilevanti, jirkupra l-kontenut li jista’ jerġa’ jintuża minn memorji tat-traduzzjoni u jipprovdi l-fajls ta’ ħidma u r-riżorsi lingwistiċi u terminoloġiċi kollha.
3. Traduzzjoni
Ladarba jispiċċa l-istadju tal-ipproċessar preliminari – u skont ir-riżultati miksuba – id-WMS tiddeċiedi jekk ix-xogħol jeħtieġx li jiġi assenjat lit-tradutturi interni jew jiġix esternalizzat lin-network ta’ tradutturi freelance speċjalizzati taċ-Ċentru. Id-WMS tassenja l-kompiti lit-tradutturi skont l-ispeċjalizzazzjoni, il-ħiliet u l-lingwa materna tagħhom. Il-kriterji għall-esternalizzazzjoni jinkludu l-ammont ta’ xogħol intern, il-grad ta' kunfidenzjalità, is-suġġett u t-tul tad-dokument. Jekk dokument jiġi esternalizzat, id-WMS tista’ tistrieħ fuq il-kuntratti qafas rilevanti li jkun sar qbil dwarhom ma’ fornituri esterni u jista’ wkoll jappella lill-kuntratturi freelance speċifiċi, skont is-suġġett u l-kombinazzjoni lingwistika.
4. Sostenn mill-Koordinatur tal-Klijenti / mid-WMS
It-tradutturi jistgħu jitolbu pariri mill-koordinaturi tal-klijenti taċ-Ċentru, fost il-kollegi tagħhom, biex jikkjarifikaw kwalunkwe kwistjoni lingwistika ġenerali mal-klijent. Kwalunkwe kwistjoni lingwistika u relatata mal-kontenut li tirriżulta minn talbiet speċifiċi matul il-proċess ta’ traduzzjoni tgħaddi mid-WMS, li jikkuntattja lil min jagħmel it-talba tal-klijent għal kjarifika.
5. Ipproċessar ta’ matul it-traduzzjoni
L-aspetti tekniċi kollha ta’ dokumenti proċessati minn tradutturi freelance jiġu vverifikati mid-WMS.
6. Kontroll tal-kwalità
Id-dokumenti kollha jiġu kkontrollati għall-kwalità mit-tradutturi interni taċ-Ċentru. It-traduzzjonijiet esternalizzati jiġu riveduti mit-tradutturi interni tagħna, li huma mitluba jimlew dokument ta’ valutazzjoni dwar il-kwalità tax-xogħol mit-traduttur freelance, f’konformità mat-termini tal-kuntratti qafas u l-kundizzjonijiet ġenerali taċ-Ċentru għas-servizzi lingwistiċi. It-traduzzjonijiet interni ssirilhom kontroverifika minn traduttur ieħor fi ħdan il-grupp lingwistiku rilevanti.
7. L-ipproċessar ta’ wara
Id-WMS jivverifika d-dokumenti għall-kompletezza u jaġġusta t-tqassim tat-traduzzjonijiet, fejn ikun meħtieġ. B’mod simili, il-fajls li għandhom jitwasslu għand il-klijenti permezz ta’ uploads fuq il-web jiġu vverifikati għal kompletezza u verifiki ta’ viżwalizzazzjoni, ikkoreġuti u jittellgħu mid-WMS.
8. Twassil
Id-WMS tiżgura li d-dokument jitwassal lill-klijent sad-data ta’ skadenza li jkun sar qbil dwarha.
9. Talbiet għal Verżjoni Kkoreġuta (CVRs)
Id-WMS tivvaluta kull Talba għal Verżjoni Kkoreġuta (CVR) biex jiddetermina jekk din tirrikjedix input mit-traduttur jew involviment tekniku. Jekk tkun meħtieġa korrezzjoni lingwistika, id-Dipartiment tat-Traduzzjoni janalizza s-CVR, jimplimenta l-korrezzjonijiet meħtieġa u jħejji l-verżjoni finali, li tintbagħat mid-WMS lill-klijent, flimkien mat-tweġiba tat-traduttur.