Kif jindirizza t-talbiet tal-klijent iċ-Ċentru?

It-twassil ta’ traduzzjonijiet ta’ kwalità fil-kombinazzjonijiet lingwistiċi mitluba kollha fl-iskadenzi li jkun sar qbil dwarhom: din hija l-isfida li nidħlu għaliha kuljum fiċ-Ċentru tat-Traduzzjoni. Matul is-snin, ottimizzajna l-fluss tax-xogħol tat-traduzzjoni tagħna sabiex niżguraw li t-talbiet jiġu ttrattati mingħajr xkiel kemm jista’ jkun. Hawnhekk issib l-istadji differenti fil-fluss tax-xogħol tagħna, minn kif nindirizzaw it-talbiet li jidħlu sat-tmiem u r-rispons tal-klijent:

1.Kif nilqgħu t-talbiet li jidħlu

Is-Sezzjoni tal-Ġestjoni tal-Fluss tax-Xogħol (WMS) tissorvelja t-talbiet kollha li jidħlu permezz tal-Portal tal-Klijenti eCdT. Din tikkontrolla l-fajls biex tara li jkunu konformi mad-dokument sors: lingwa, għadd ta’ paġni u format, u tivverifika s-servizz mitlub, kif ukoll l-iskadenza u l-lingwi fil-mira meħtieġa.

2.L-ipproċessar preliminari

Il-persunal tad-WMS jiżgura li m’hemmx problemi fit-tqassim tal-fajls tas-sors oriġinali, jiġbor il-materjal ta’ referenza rilevanti, jirkupra kontenut li jista’ jerġa’ jintuża minn memorji tat-traduzzjoni u jipprovdi l-fajls ta’ ħidma u r-riżorsi lingwistiċi u terminoloġiċi kollha.

3.Traduzzjoni

Ladarba jispiċċa l-istadju tal-ipproċessar preliminari u skont ir-riżultati miksuba, il-persunal tad-WMS jiddeċiedi jekk ix-xogħol jeħtieġx li jiġi assenjat lit-tradutturi kwalifikati interni jew jiġix esternalizzat lin-netwerk ta’ tradutturi esterni speċjalizzati taċ-Ċentru. Id-WMS jassenja x-xogħlijiet lit-tradutturi skont l-ispeċjalizzazzjoni, il-ħiliet u l-lingwa nattiva tagħhom. Il-kriterji li jitqiesu għall-esternalizzazzjoni jinkludu l-ammont ta’ xogħol intern, il-grad ta’ kunfidenzjalità, is-suġġett u t-tul tad-dokument. Jekk dokument jiġi esternalizzat, id-WMS jista’ jistrieħ fuq il-kuntratti qafas rilevanti li jkun sar qbil dwarhom ma’ fornituri esterni u jista’ wkoll jappella lill-kuntratturi esterni speċifiċi, skont is-suġġett u l-kombinazzjoni tal-lingwa.

4.Appoġġ mill-Koordinatur tal-Klijent

It-tradutturi jistgħu jitolbu parir lill-Koordinaturi tal-Klijent taċ-Ċentru (li huma membri tad-Dipartiment tat-Traduzzjoni) għal kwalunkwe mistoqsija marbuta mal-kontenut tad-dokumenti sors.

5.L-ipproċessar ta’ matul it-traduzzjoni

L-aspetti tekniċi kollha ta’ dokumenti proċessati minn tradutturi esterni huma kkontrollati mid-WMS.

6.Ir-reviżjoni

Id-dokumenti esternalizzati kollha huma riveduti mit-tradutturi interni tagħna, li huma mitluba jimlew dokument ta’ valutazzjoni dwar il-kwalità tax-xogħol ipprovdut mit-traduttur estern, f’konformità mat-termini tal-kuntratti qafas u l-kundizzjonijiet ġenerali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għas-servizzi lingwistiċi. It-traduzzjonijiet interni ssirilhom kontroverifika minn traduttur ieħor bl-istess lingwa nattiva.

7.L-ipproċessar ta’ wara

Id-WMS jikkontrolla d-dokumenti għall-kompletezza u jaġġusta t-tqassim tat-traduzzjonijiet, fejn ikun meħtieġ. Bl-istess mod, il-fajls għat-twassil lill-klijenti permezz ta’ tlugħ mill-web ikunu verifikati (kompletezza u kontrolli tal-wiri fuq l-iskrin), rettifikati u mtellgħin fil-web mid-WMS

8.Twassil

Id-WMS jiżgura li d-dokument jitwassal lill-klijent sal-iskadenza li jkun sar qbil dwarha.

9.Ġestjoni tar-rispons tal-klijent

Il-grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Klijent (Relazzjonijiet Esterni & Taqsima tal-Komunikazzjoni) janalizza l-Formoli ta’ Sodisfazzjon tal-Klijent (CSF's) li jaslulu mill-klijenti.