Id-Dipartiment tas-Servizzi Lingwistiċi huwa l-akbar diviżjoni taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni, u huwa ddedikat biex jipprovdi servizzi lingwistiċi ta’ kwalità għolja f’diversi lingwi. It-tim tagħna ta’ professjonisti lingwistiċi speċjalizzati jiffurmaw aktar minn nofs il-persunal taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni.

Id-Dipartiment tas-Servizzi Lingwistiċi huwa magħmul minn erba’ taqsimiet lingwistiċi:

  • Il-lingwi Baltiċi, Finno-Ugriċi u Mediterranji 
  • Il-lingwi Ġermaniċi u dik Irlandiża
  • Il-lingwi Rumanzi
  • Il-lingwi Slavoniċi

Kull taqsima lingwistika fiha bejn ħames u seba’ gruppi lingwistiċi, wieħed għal kull lingwa uffiċjali tal-UE. It-timijiet ivarjaw fid-daqs skont l-ammont ta’ xogħol ta’ traduzzjoni għal dik il-lingwa fil-mira.

Il-professjonisti lingwistiċi tagħna jwettqu firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, li jinkludu t-traduzzjoni, il-posteditjar tat-traduzzjoni awtomatika, is-sottotitolar, it-traskrizzjoni u l-editjar. Huma jipprovdu wkoll konsulenza lingwistika, imantnu l-memorji tat-traduzzjoni, jikkompilaw glossarji u jikkontribwixxu għall-bażi ta’ termini interistituzzjonali tal-IATE.

Il-persunal jibbenefika minn taħriġ kontinwu matul il-karriera tiegħu fiċ-Ċentru, u dan jiżgura li l-membri tal-persunal jibqgħu aġġornati bl-aħħar teknoloġija u prattiki. Huma jieħdu sehem ukoll f’attivitajiet speċifiċi tal-klijenti u jista’ jkollhom l-opportunità li jitgħallmu, jew jikkonsolidaw, lingwi ġodda.

Il-lingwisti professjonali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jiggarantixxu l-kwalità tas-servizzi lingwistiċi li jiġu pprovduti lis-sħab tagħna, kemm dawk imwettqa internament kif ukoll dawk esternalizzati lil fornituri speċjalizzati ta’ servizzi lingwistiċi esterni.

B’enfasi fuq il-kwalità u l-impenn għal titjib kontinwu, id-Dipartiment tas-Servizzi Lingwistiċi jiżgura li s-sħab tagħna jirċievu servizzi lingwistiċi affidabbli mfassla apposta għall-ħtiġijiet tagħhom.