Organizzazzjonijiet li jimxu bla xkiel ġeneralment ikollhom entità unika fil-qalba tagħhom li tiffunzjona bħala l-ixprun. Fiċ-Ċentru tat-Traduzzjoni, dan huwa r-rwol tad-Dipartiment tal-Ġestjoni tal-Operazzjonijiet.
Dan id-dipartiment jikkonsisti mit-tliet taqsimiet li ġejjin:
- Il-Ġestjoni tal-Fluss tax-Xogħol
- Is-Soluzzjonijiet Lingwistiċi Avvanzati
- Il-Flussi tax-Xogħol Speċifiċi u t-Terminoloġija
It-Taqsima tal-Ġestjoni tal-Fluss tax-Xogħol
It-Taqsima tal-Ġestjoni tal-Fluss tax-Xogħol (WMS) hija responsabbli mill-ipproċessar ordnat tat-talbiet għas-servizzi lingwistiċi kollha fiċ-Ċentru, mill-wasla tat-talba sat-twassil tal-prodott finali. Il-membri tat-Taqsima huma responsabbli li:
- jirċievu, janalizzaw u jivvalidaw it-talbiet, u jekk ikun meħtieġ jiċċaraw l-ambitu ta’ talba jew jinnegozjaw l-iskadenzi mal-klijenti;
- jassenjaw is-servizzi differenti mitluba mill-klijenti lil tradutturi interni u freelance;
- jiżguraw li l-fajls għat-tradutturi, it-terminologi u l-lingwisti jkunu kompatibbli mat-teknoloġija tal-lingwa użata fiċ-Ċentru, u li l-prodotti finali tal-klijenti jkunu ġew ifformattjati b’mod korrett qabel it-twassil;
- jużaw u jmantnu għodod tat-teknoloġija tal-lingwa għat-trattament sħiħ minn qabel tal-fajls li jirċievu;
- jiżguraw li x-xogħlijiet kollha jiġu rritornati lill-klijent sad-data ta’ skadenza u fil-format meħtieġ;
- jindirizzaw il-feedback tal-klijenti permezz tal-funzjonalità tat-Talba għal Verżjoni Korretta (CVR).
Din it-Taqsima hija wkoll is-sid tan-negozju tal-Portal tal-Klijenti.
Id-WMS tipprovdi sostenn tekniku lit-tradutturi matul il-fluss tax-xogħol tat-traduzzjoni. Tipprovdi wkoll korsijiet ta’ taħriġ fid-diversi oqsma ta’ speċjalizzazzjoni tagħha (eż. għodod CAT, sottotitolar, eċċ.).
It-Taqsima tas-Soluzzjonijiet Lingwistiċi Avvanzati
It-Taqsima tas-Soluzzjonijiet Lingwistiċi Avvanzati (ALS) ġiet stabbilita bil-ħsieb li tisfrutta t-teknoloġija l-aktar riċenti tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) u tal-lingwa. Din tikkonsisti minn:
- It-Tim tat-Teknoloġija tal-Lingwa, li jimmonitorja x-xejriet u l-innovazzjonijiet relatati mas-servizzi lingwistiċi, janalizza kif iċ-Ċentru jista’ jgħin bl-aħjar mod lill-klijenti tiegħu jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni tagħhom u jiżviluppa u jappoġġja t-traduzzjoni awtomatika u s-servizzi ta’ rikonoxximent awtomatiku tad-diskors;
- Il-Grupp Interistituzzjonali tal-IATE u l-koordinatur tal-EurTerm (il-pjattaforma kollaborattiva interistituzzjonali għat-terminologi) huma ospitati miċ-Ċentru f’isem is-sħab tal-proġett tal-IATE.
It-Taqsima tal-Flussi tax-Xogħol Speċifiċi u tat-Terminoloġija
It-Taqsima tal-Flussi tax-Xogħol Speċifiċi tiffoka fuq l-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta’ flussi tax-xogħol speċifiċi mfassla b’rispons għall-ħtiġijiet tal-klijenti, bħat-trademarks u d-disinji għall-EUIPO. It-tim tat-TraMark jiġġestixxi l-fluss tax-xogħol komplut għat-traduzzjoni tat-trademarks u d-disinji tal-UE, u t-tim tal-Ġestjoni tat-Terminoloġija jikkoordina l-proġetti ta’ terminoloġija.