Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni joffri traineeships għal ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u għal ċittadini ta’ pajjiżi kandidati, li jixtiequ jiksbu esperjenza fix-xogħol tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali u taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni b’mod partikolari.  

Kemm idum traineeship? 

It-traineeships huma għal minimu ta’ tliet xhur u massimu ta’ tnax-il xahar.

Kriterji ta’ eliġibbiltà

Meta japplikaw għal traineeship, l-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin: 

  • kwalifiki akkademiċi: ikunu temmew b’suċċess mill-inqas tliet snin ta’ edukazzjoni għolja (studji universitarji) jew edukazzjoni ekwivalenti attestata b’diploma jew ċertifikat uffiċjali rilevanti; 
  • ħiliet lingwistiċi: ikollhom għarfien approfondit ta᾽ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (livell C1, skont il-Qafas Komuni Ewropew ta᾽ Referenza għal-Lingwi) u għarfien sodisfaċenti ta᾽ lingwa oħra tal-UE sal-punt meħtieġ biex jitwettqu d-dmirijiet (livell B2, skont il-Qafas Komuni Ewropew ta᾽ Referenza għal-Lingwi). L-applikanti mill-pajjiżi kandidati għandu jkollhom għarfien sodisfaċenti (livell B2) ta’ waħda mil-lingwi ta’ ħidma taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni (jiġifieri l-Franċiż jew l-Ingliż). 

Proċedura ta’ selezzjoni

Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jippubblika sejħa għal applikazzjonijiet ta’ traineeship fuq is-sit web tiegħu, fejn jistieden lill-kandidati jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom qabel l-iskadenza indikata. 

Qabel dan, iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jiddeċiedi dwar l-għadd ta’ traineeships li għandhom jiġu offruti, skont il-kunsiderazzjonijiet baġitarji u l-kapaċità ta’ kull dipartiment li jospita trainee. 

Għotjiet għat-traineeship

It-trainees jirċievu għotja ta’ kull xahar li tammonta għal 25 % tas-salarju bażiku ta’ kull xahar ta’ membru temporanju tal-persunal fil-grad AD5, skala 4, applikabbli mid-data tal-bidu tat-traineeship. 

Għal aktar informazzjoni, id-deċiżjoni amministrattiva taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni dwar it-traineeships tista’ tiġi kkonsultata hawnhekk: Deċiżjoni Amministrattiva/DA_012022