Id-Dipartiment tat-Traduzzjoni huwa l-akbar dipartiment taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni, li jammonta għal aktar min-nofs il-persunal taċ-Ċentru. Huwa magħmul minn tliet Sezzjonijiet Lingwistiċi.
It-tradutturi (is-Sezzjonijiet Lingwistiċi)
Kull Sezzjoni Lingwistika hija subdiviża f’timijiet tat-traduzzjoni, wieħed għal kull lingwa uffiċjali tal-UE. Id-daqs ta’ kull tim ivarja skont l-ammont ta’ xogħol ta’ traduzzjoni f’kull lingwa fil-mira. It-tradutturi kollha jittraduċu għal-lingwa materna tagħhom; huma għandhom sfond akkademiku varjat, fil-biċċa l-kbira orjentat lejn il-lingwi.
It-tradutturi jiġu offruti taħriġ matul il-ħajja professjonali tagħhom fiċ-Ċentru, kemm f’termini ta’ tagħlim tal-lingwi (l-iżvilupp tal-ħiliet lingwistiċi eżistenti u l-kisba ta’ lingwi ġodda), kif ukoll f’attivitajiet speċifiċi għall-klijenti.
Huma jittraduċu u jirrevedu dokumenti kif ukoll trademarks. Huma jagħmlu wkoll is-sottotitoli ta’ vidjos, jikkompilaw glossarji u jikkontribwixxu għall-bażi tat-termini interistituzzjonali tal-IATE.
Bħala lingwisti, it-tradutturi interni jiggarantixxu l-kwalità lingwistika tat-traduzzjonijiet ipprovduti. Dan huwa minnu kemm għat-testi tradotti internament kif ukoll għat-testi li jkunu esternalizzati lill-fornituri tas-servizzi lingwistiċi esterni speċjalizzati.
Permezz tal-mudell tan-negozju tiegħu bbażat fuq il-kontroll tal-kwalità interna u dik tal-esternalizzazzjoni, iċ-Ċentru sar punt ta’ referenza għall-aspetti kollha tal-proċess ta’ reviżjoni.