Organizzazzjonijiet li jimxu bla xkiel ġeneralment ikollhom entità unika fil-qalba tal-operazzjonijiet biex tiffunzjona bħala l-forza tat-tmexxija. Fiċ-Ċentru tat-Traduzzjoni, dan huwa r-rwol tad-Dipartiment ta’ Sostenn għat-Traduzzjoni.

Dan id-Dipartiment jikkonsisti mis-Sezzjoni tal-Ġestjoni tal-Fluss tax-Xogħol, is-Sezzjoni ta’ Soluzzjonijiet Avvanzati tal-Lingwa u s-Sostenn għall-Fluss tax-Xogħol u l-Grupp Interistituzzjonali tal-IATE.

Is-Sezzjoni tal-Ġestjoni tal-Fluss tax-Xogħol

Is-Sezzjoni tal-Ġestjoni tal-Fluss tax-Xogħol hija l-punt ta’ kuntatt operazzjonali uniku għall-klijenti. Għaldaqstant hija responsabbli mill-ipproċessar ordnat tat-talbiet għas-servizzi lingwistiċi kollha, mill-wasla tat-talba sal-konsenja tal-prodott finali. Din tiġġestixxi wkoll il-feedback tal-klijenti.
Il-membri tas-sezzjoni jwettqu l-kompiti li ġejjin:

  • jirċievu, janalizzaw u jivvalidaw it-talbiet, fejn meħtieġ permezz ta’ negozjati mal-klijenti;
  • jassenjaw xogħlijiet ta’ traduzzjoni, reviżjoni, editjar u terminoloġija lil tradutturi interni u freelance;
  • jiżguraw li l-fajls għat-tradutturi jkunu f’forma li tista’ tiġi editjata u li d-dokumenti għall-klijenti huma fformattjati b’mod korrett qabel il-konsenja;
  • jużaw għodod tat-teknoloġija lingwistiċi għat-trattament sħiħ minn qabel ta’ fajls li jidħlu;
  • jiżguraw li x-xogħlijiet kollha jaslu lura għand min ikun għamel it-talba sad-data ta’ skadenza miftiehma u fil-format meħtieġ;
  • jikkumpilaw l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu fatturati s-servizzi pprovduti;
  • jindirizzaw l-feedback tal-klijenti permezz tal-funzjonalità tat-Talba għal Verżjoni Korretta (CVR).

Is-sezzjoni hija wkoll is-sid tan-negozju tal-Portal tal-Klijenti.

Is-sezzjoni tipprovdi sostenn lingwistiku u tekniku lit-tradutturi matul il-fluss tax-xogħol tat-traduzzjoni. Barra minn hekk, tipprovdi korsijiet ta’ taħriġ fid-diversi oqsma li tkopri (eż. l-użu tat-teknoloġija).

Taqsima ta’ Soluzzjonijiet Avvanzati tal-Lingwa

Is-Sezzjoni ta’ Soluzzjonijiet Avvanzati tal-Lingwa tikkonsisti f’diversi sottokomponenti:

  • it-Tim tat-Teknoloġija tal-Lingwa, li jimmonitorja x-xejriet u l-innovazzjonijiet relatati man-negozju tas-servizzi lingwistiċi, janalizza kif iċ-Ċentru jista’ jgħin bl-aħjar mod lill-klijenti tiegħu jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni tagħhom u jiżviluppa u jappoġġja t-traduzzjoni awtomatika u s-servizzi ta’ rikonoxximent awtomatiku tad-diskors;
  • it-Tim tal-Ġestjoni tat-Terminoloġija, li jipprovdi u jmantni riżorsi u għodda speċjalizzati tal-lingwa fil-qasam tat-terminoloġija;
  • it-Tim tat-Trademarks u d-Disinji tal-UE, li jiġġestixxi l-fluss tax-xogħol kollu kemm hu għat-traduzzjoni tat-trademarks u d-disinji tal-UE;
  • l-Uffiċċju tal-Ġestjoni tal-Proġetti (PMO), li jikkoordina proġetti strateġiċi fid-dipartimenti u s-sezzjonijiet differenti taċ-Ċentru, biex b’hekk jiżgura li s-soluzzjonijiet effettivi tan-negozju jiġu implimentati b’suċċess u b’mod sostenibbli, li jwassal għal titjib fis-servizzi kemm għall-klijenti kif ukoll għall-persunal intern.

Il-Grupp Interistituzzjonali tal-IATE

Il-Grupp Interistituzzjonali tal-IATE u l-Koordinatur tal-EurTerm (il-pjattaforma kollaborattiva interistituzzjonali għat-terminoloġisti) huma ospitati miċ-Ċentru f’isem is-sħab tal-proġett tal-IATE